Il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tal-Unjoni Ewropea. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, dan sar istituzzjoni. Il-President tiegħu huwa Herman Van Rompuy.
Dawn huma xi mistoqsijiet dwar x'inhu l-Kunsill Ewropew, u x'jagħmel, u xi tweġibiet kif ipprovduti mill-Artikolu 15 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (l-ewwel parti tat-Trattat ta' Lisbona).
X'jagħmel il-Kunsill Ewropew?
Il-Kunsill Ewropew jipprovdi l-Unjoni bl-impetu meħtieġ għall-iżvilupp tagħha u jiddefinixxi d-direzzjonijiet u l-prijoritajiet politiċi ġenerali tagħha. Huwa ma jeżerċitax funzjonijiet leġislattivi.
Min huma l-membri tiegħu?
Il-Kunsill Ewropew jikkonsisti mill-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri, flimkien mal-President tiegħu u l-President tal-Kummissjoni. Ir- Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jipparteċipa fil-ħidma tiegħu.
Meta jkun meħtieġ skont l-aġenda, il-membri tal-Kunsill Ewropew jistgħu jiddeċiedu li kull wieħed ikun assistit minn ministru u, fil-każ tal-President tal-Kummissjoni, minn membru tal-Kummissjoni.
Kemm-il darba jiltaqa'?
Il-Kunsill Ewropew jiltaqa' darbtejn kull sitt xhur, fuq sejħa mill-President tiegħu.
Meta s-sitwazzjoni tkun teħtieġ, il-President isejjaħ laqgħa speċjali tal-Kunsill Ewropew.
Kif jieħu d-deċiżjonijiet?
Normalment, id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew jittieħdu b'kunsens. F'ċerti każijiet, huwa jadotta deċiżjonijiet bl-unanimità jew b'maġġoranza kwalifikata, skont dak li jipprevedi t-Trattat.
Kif jagħżel il-President tiegħu? Kemm hu twil il-mandat tal-President?
Il-Kunsill Ewropew jeleġġi l-President tiegħu b'maġġoranza kwalifikata. Il-mandat tal-President huwa ta' sentejn u nofs, u jista' jiġġedded darba.
Il-Kunsill Ewropew ġeneralment jiltaqa' fi Brussell, fil-bini ta' Justus Lipsius. Huwa jkun assistit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
Daqqa t'għajn lejn l-istorja tal-Kunsill Ewropew
Il-Kunsill Ewropew inħoloq fl-1974 bl-intenzjoni li jiġi stabbilit forum informali għal diskussjoni bejn il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern. Huwa malajr żviluppa f'korp li stabbilixxa għanijiet għall-Unjoni u witta t-triq sabiex dawn jinkisbu, fl-oqsma kollha tal-attività tal-UE. Huwa kiseb status formali fit-Trattat ta' Maastricht tal-1992, li ddefinixxa l-funzjoni tiegħu bħala li jagħti l-impetu u l-linji gwida politiċi ġenerali għall-iżvilupp tal-Unjoni. Mill-1 ta' Diċembru 2009, skont it-Trattat ta' Lisbona, huwa sar wieħed mis-seba' istituzzjonijiet tal-Unjoni.
Verżjonijiet konsolidati tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (Trattat ta' Lisbona) (pdf)
 |
Laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern Konferenza stampa tal-Presidenza Il-Ħamis, 19 ta' Novembru 2009 Ara l-vidjo
|
 |
Laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern Ritratt tal-familja Il-Ħamis, 19 ta' Novembru 2009 Ara l-vidjo
|
 |
Dokument dwar fatti fuq il-President tal-Kunsill Ewropew PDF, 2 paġni, 240Kb (mt)
|
 |
Dokument dwar fatti fuq ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà PDF, 2 paġni, 240Kb (mt)
|
 |
Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill Ewropew (mt)
|
 |
Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea (mt)
|
 |
Implimentazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona (en)
|
 |
SFOND, L-impatt tat-Trattat ta' Lisbona fuq il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI): aktar kodeċiżjoni u struttura ta' ħidma ġdida (mt) / Verżjonijiet lingwistiċi oħrajn
|
 |
SFOND, It-Trattat ta' Lisbona (en) (fr)
|