Fil-laqgħa informali tagħhom fi Brussell fid-19 ta’ Novembru 2009, qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-UE qablu b’mod unanimu dwar il-ħatra ta’ Herman VAN ROMPUY bħala l-ewwel President permanenti tal-Kunsill Ewropew.
Huwa ħa l-kariga meta daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona fl-1 ta’ Diċembru 2009. L-ewwel mandat tiegħu kien sal-31 ta’ Mejju 2012.
Fl-1 ta’ Marzu 2012 Herman Van Rompuy inħatar għat-tieni mandat li beda fl-1 ta’ Ġunju 2012 u li jintemm fit-30 ta’ Novembru 2014.
■ X’jagħmel il-President tal-Kunsill Ewropew?
Skont l-Artikolu 15 (6) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-President tal-Kunsill Ewropew:
- jippresjedi u jmexxi ’l quddiem il-ħidma tal-Kunsill Ewropew;
- jiżgura t-tħejjija u l-kontinwità tal-ħidma tal-Kunsill Ewropew f’kooperazzjoni mal-President tal-Kummissjoni, u abbażi tal-ħidma tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali;
- jaħdem sabiex jiffaċilita l-koeżjoni u l-kunsens fi ħdan il-Kunsill Ewropew;
- jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew wara kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew.
Fil-livell tiegħu u f’dik il-kapaċità, huwa jiżgura wkoll ir-rappreżentanza esterna tal-Unjoni dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-politika estera u ta’ sigurtà komuni tagħha, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.
Huwa ma jistax ikollu kariga nazzjonali fl-istess ħin ma’ dik ta’ President.
■ Kif jiġi elett il-President tal-Kunsill Ewropew u kemm hu twil il-mandat tiegħu?
Skont it-Trattat, il-Kunsill Ewropew jeleġġi l-President tiegħu b’maġġoranza kwalifikata. Mandat Presidenzjali huwa ta sentejn u nofs, li jista’ jiġġedded darba.
■ X’persunal ta’ appoġġ għandu l-President tal-Kunsill Ewropew?
Il-Kunsill Ewropew huwa assistit mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK). Għaldaqstant il-persunal tas-SĠK huwa għad-dispożizzjoni tal-President, inkluż id-Direttorat għal Kwistjonijiet Politiċi Ġenerali, is-Servizz Legali, l-esperti tal-politiki, is-servizzi tat-traduzzjoni, il-protokoll, l-uffiċċju tal-istampa, eċċ.
Il-President għandu l-uffiċċju privat tiegħu, il-Kabinett tal-President.
■ Fejn jinsabu l-uffiċċji tal-President tal-Kunsill Ewropew?
■ X’inhi l-istorja tal-funzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew?
Skont it-Trattat ta’ Lisbona adottat fl-2009, il-funzjoni ta’ President tal-Kunsill Ewropew saret waħda full-time u stabbli.
Qabel, il-kap tal-Kunsill Ewropew kienet pożizzjoni mhux uffiċjali billi, meta nħoloq fl-1975, il-Kunsill Ewropew kien stabbilit bħala korp informali. Il-pożizzjoni kienet tittieħed mill-Kap ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Istat Membru li kellu l-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fi kwalunkwe perijodu. Il-Presidenza hija b’rotazzjoni bejn l-Istati Membri kull sitt xhur.